|
Il-festa, li tiġi ċċelebrata mit-30 ta’ Lulju sal-15 ta’ Awwissu, hija taħlita ta’ ċelebrazzjoni reliġjuza u profana. It- 30 ta’ Lulju nsejħulu Kwindicina li mit-Taljan tfisser ‘quindici’ ħmistax għax ikun baqa ġimgħatejn.
L-istatwa tinħareġ minn niċċa u titpoġġa f’post prominenti fil-knisja. Quddiesa għolja tiġi kkonċelebrata fejn il-membri kollha jkunu mistiedna jattendu. Wara tiġi organizzata Kwindicinafest, ikla kbira fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja, b’ikel tajjeb u varjeta’.
Matul il-Ħmistax tal-Kwindiċina kull ġurnata hija ddedikata lill-sezzjonijiet varji mis-soċjeta’ tar-raħal, e.g Jum il-Gruppi Reliġjuzi, Jum l-abbatini fejn iġeddu l-wegħdiet tagħhom, Jum il-Morda u Persuni b’Disabilita’ fejn tingħata l-Griżma tal-Morda, Jum it-tfal, Jum il-Familja għall-koppji li jiċċelebraw 50, 25, jew 10 snin ta’ żwieġ, Jum il-Kelma t’Alla, Jum l-Ordnijiet Reliġjużi, Jum it-Tiġdid tal-Fidi fejn issir il-Magħmudija ta’ trabi ġodda u oħrajn.
Fid-9 ta’ Awwissu, l-istatwa tal-Assunta toħroġ fil-bieb tal-knisja għaċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tal-festa. Minn hawn sal-15 ta’ Awwissu, ta’ kuljum, jibdew il-marċi fit-toroq tar-raħal, fejn tieħu sehem il-banda Santa Marija u baned oħra mistiedna flimkien ma wirjiet ta’ logħob tan-nar.
Fl-10 ta’ Awwissu il-Banda Santa Marija taġħmel kunċert vokali u strumentali fil-pjazza, li qed ikun ta’ sors għall-bandisti żgħażagħ tagħna li jdoqqu mużika klassika u għan-nies li jisimgħuha.
Il-11, 12, u 13 ta’ Awwissu ikunu jiem tat-Tridu, fejn tiġi organizzata quddiesa għolja b’mużika orkestrali u tenuri. Ikun mistieden predikatur speċjali biex jagħmel il-priedka. L-14 ta’ Awwissu huwa lejlet il-festa. Wara l-quddiesa ta’ fil-għodu jitkanta it-Te Deum bħala ringrazzjament tat- tmiem tat-Tridu, akkumpanjat mill-ħoss tal-murtali.
Wara nofs in-nhar issir it-Translazzjoni, puċissjoni qasira bir-Relikwa tal-Madonna mmexxija minn monsinjur, akkumpanjata b’mutali varji. Aktar tard titkanta l-Antifona minn orkestra u vuċijiet u titqaddes quddiesa kantata mill-istess monsinjur. Tard fil-għaxija jkun hemm wirja kbira ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-muzika u nar tal-art.
Nhar il-festa fil-15 ta’Awwissu fil-għodu Monsinjur mistieden iqaddes quddiesa konċelebrata tal-Paniġierku, li fiha ssir priedka mill-pulptu fuq il-ħajja tal-Madonna. F’nofs in-nhar isir marċ brijuż u kkulurit, b’ħafna żfin, kant u mużika, u b’ħafna bżieżaq u karti kkuluriti.
Il-qofol tal-festa jkun fil-għaxija fejn għas-sebgħa toħroġ purċissjoni solenni bl-istatwa artistika ta’ Santa Marija madwar ir-raħal kollu, akkumpanjata minn innijiet u marċi minn żewġ baned mistiedna u ħafna logħob tan-nar. Fl-aħħar titkanta l-antifona u tingħata l-Barka Sagramentali u jsir il-bews tar-Relikwa mill-kongregazzjoni presenti.
|